F'Mullingar, l-Irlanda, waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri għat-Turiżmu Ewropej, Malta laqgħet b'mod pożittiv it-tnedija tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Turiżmu Sostenibbli, filwaqt li enfasizzat l-importanza li t-tkabbir fis-settur ikun ibbażat fuq il-kwalità, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza, u li jitqiesu r-realtajiet u l-isfidi partikolari tal-Istati Membri gżejjer.
Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq li din l-istrateġija hija pass importanti biex it-turiżmu jingħata l-importanza strateġika li jixraqlu fil-livell Ewropew, b'għarfien tal-impatt tiegħu fuq diversi setturi tal-ekonomija u tas-soċjetà.
Il-Ministru Abela qal kif għal Malta, il-kompetittività tat-turiżmu ma tistax titkejjel biss bin-numru ta' viżitaturi, iżda fil-valur li joħolqu għall-ekonomija, għall-komunitajiet u għall-esperjenza tal-viżitaturi. “Irridu nimxu minn mudell ibbażat fuq il-volum għal wieħed li jagħti prijorità lill-kwalità, filwaqt li nipproteġu l-assi naturali u kulturali li jagħmlu lill-Gżejjer Maltin destinazzjoni unika," tenna l-Ministru.
Il-Ministru Abela enfasizza li l-konnettività bl-ajru hija essenzjali għall-ekonomija u li kwalunkwe inizjattiva Ewropea futura għandha tqis il-vulnerabbiltajiet marbuta mal-insularità u tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi.
Dwar il-finanzjament Ewropew, il-Ministru saħaq fuq il-ħtieġa li l-Pjanijiet Nazzjonali u Reġjonali ta' Sħubija jżommu l-flessibbiltà nazzjonali u jippermettu lill-Istati Membri jagħżlu l-investimenti skont il-ħtiġijiet tagħhom, mingħajr piżijiet amministrattivi jew kundizzjonijiet addizzjonali. Huwa kkonferma r-rieda ta' Malta li tikkollabora mal-istituzzjonijiet Ewropej u mal-Istati Membri biex tkompli ssaħħaħ t-turiżmu Ewropew biex ikun wieħed kompetittiv, sostenibbli u reżiljenti.
Il-Ministru Abela temm billi saħaq li Malta se tkompli tkun vuċi attiva u impenjata fit-tiswir tal-futur tat-turiżmu Ewropew, filwaqt li tiddefendi l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tagħha bħala Stat Membru gżira.
“L-isfida quddiemna mhijiex sempliċiment li nkabbru t-turiżmu, iżda li nagħmluh aħjar. Irridu settur li jkun kompetittiv mingħajr ma jikkomprometti s-sostenibbiltà, li joħloq il-ġid mingħajr ma jnaqqas mill-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna, u li jħares il-wirt naturali u kulturali tagħna. Malta hija determinata li tkompli tmexxi din it-trasformazzjoni. Irridu politika Ewropea li tkun ambizzjuża fl-għanijiet tagħha, iżda flessibbli biżżejjed biex tirrispetta r-realtajiet ta' kull pajjiż. Dan huwa l-uniku mod kif nibnu turiżmu Ewropew tassew sostenibbli, reżiljenti u kompetittiv għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin," temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.